Kuljum Basal

 

Forsi ħafna se jkunu dawk li se jħarsu lejn dan it-titlu u jaħsbu li se jaqraw xi tip ta' riċetta tad-dieta, li tuża' l-basal u trid tiekol minnha kuljum biex forsi tnaqqas xi kilo.  Imma ngħidilkom li xejn minn dan m'inthom se taqraw.  Il-basal huwa dak li ispirani u wassalni biex nikteb dan l-artiklu; imma dwar dan tifhmu għaliex aktar `il quddiem.

 

F'Lulju jien u ħames żgħażagħ oħra flimkien ma' żewġ membri mill-fraternità ta' Charles de Foucauld u żewġ sorijiet mil-little sisters of Jesus, għamilna ħamest ijiem irtir/Live-in jew aħjar esperjenza ta' ħajja ġewwa l-bangalow tal-YTC il-Buskett.  Hawnhekk kellna l-opportunità li nsiru nafu aktar lil xulxin u ngħixu flimkien bħala komunità żgħira f'kuntest ta' ħajja sempliċi ispirata mill-ispiritwalità ta' Charles de Foucauld. It-tema ta' din l-esperjenza kienet: 'Nilbsu l-kuluri tal-Paċi u f'kull ġurnata konna niddedikawha għal kulur differenti li kienu jissimbolizzaw l-ħlewwa, il-maħfra, il-ġustizzja, il-ferħ u l-komunjoni, li dawn kollha flimkien jiffurmaw il-qawsalla li tfisser il-Paċi u l-qawsalla ma tistax toħroġ jekk mhux mill-kulur abjad, li hu Kristu.

 

Kuljum konna mmorru naħdmu fl-għelieqi, nitolbu flimkien, nagħmlu ħin ta' silenzju, niddiskutu u anke naqsmu flimkien il-mixja li Alla kien qed jagħmel magħna speċjalment waqt il-live-in innifsu, kif ukoll nieklu, insajru, innaddfu u nidħku flimkien bħal aħwa. Kienet tispikka ħafna d-disponibilità li kull persuna kellha lejn xulxin, lejn Alla u lejn l-esperjenza li dħalna għaliha. Is-skiet kien parti sostanzjali li kompla saħħaħ l-għaqda ta' bejnietna. Parti minn din l-esperjenza kienet ukoll mument fejn smajna esperjenzi ta' nies li kienu mistednin jagħtuna viżjoni oħra tal-ħajja; punti li ntmessew kienu l-volontarjat barra minn xtutna li hu esperjenza li tgħin persuna timmatura u tapprezza aktar li għandha, l-irwol tas-social worker f'pajjiżna u b'konklużjoni diskussjoni ta' x'nistgħu nagħmlu aħna biex ma nkunux biss kritiċi passivi.

 

Kienu ħamest ijiem li ma jintesewx daqshekk malajr għaliex dak li kull wieħed u waħda minna kien qed jesperjenza kien frott tal-ħidma ta' Ġesù fina.  Imma forsi tgħiduli l-basal x'għandu x'jaqsam?

 

Dan il-live-in kien jinkludi fih li kull filgħodu immorru naħdmu fl-għelieqi mal-bdiewa li saru ħbieb tagħna ferm u kien iż-żmien fejn il-bdiewa jaqtgħu l-ħawħ u jaqilgħu l-basal. Tlett ijiem minnhom kienu mqattgħin naqilgħu l-basal. Xogħol li huwa iebes għal min qatt m'għamlu qabel, imma qatt ma lmentajna, anki jekk konna nkunu għajjenin ħafna wara u xi wħud bi qtugħ ta' laħam!  Lura l-Bangalow dejjem sibna l-ikel ippreparat u fost ingredjenti oħra, l-aktar ħaġa li  qatt ma naqsitna minn fuq il-mejda kien il-basal.  Bil-mod il-mod il-basal sar parti mill-ħajja tagħna tant li sar iċ-ċentru tad-diskors tagħna.  Imma l-basal ma serviex biss biex ikollna fuq xiex nitkellmu.  Ħajjitna ukoll saret bħal dik tal-basal li wieħed jagħmel użu minnu għall-ikel.

 

Matul dawn il-jiem li qattajna flimkien, bdejna bil-mod il-mod nitqaxxru mill-qoxra tagħna u nsiru aktar midħla ta' xuxlin, kif ukoll drajna stil ta' ħajja li għal xi wħud minna qatt ma esperjenzajniha qabel.  Din l-esperjenza kienet mument ta' sejħa għal transizzjoni mill-ħajja mġla ta' kuljum għal waħda aktar sempliċi u kalma. It-talb u l-esperjenza tad-deżert, fejn kull wieħed mar jimmedita f'post waħdu fejn seta' jħoss l-għaqda ma' Alla, kienu il-punt li beda bil-mod il-mod iqaxxar is-saffi ta' ħajjitna sabiex inkunu nistaw naslu għall-qalba. Kollox beda jagħmel sens.  Hekk kif il-basal biex jittiekol irid jitqaxxar, hekk ħajjitna trid titqaxxar minn dak kollu li qalbna hi marbuta miegħu f’din id-dinja, biex inkunu nistgħu inħallu lil Alla jidħol f’ħajjitna biex verament nagħmlu esperjenza tiegħu u tal-kobor tiegħu.  Iżda ma nistgħux naslu nqaxxru sa l-ewwel qoxra biss, imma irrridu nibqaw nitqaxxru – jew aħjar, inħallu lil Alla jqaxxarna saff wara saff, sabiex ikun jista jasal sal-qalba ta' ġewwa u jlissen l-għajta għatxana li għandu għalina.  Dan kollu jirrekjedi proċess twil; proċess li nbeda f’din l-esperjenza u li jkompli fil-ħajja kwotidjana tagħna – mal-familji tagħna, fuq il-post tax-xogħol, l-iskola... u fit-triq mhux kollox se jkun ward u żahar.  Imma ma irridux naqtgħu qalbna għax jekk lesti li nagħtu din ruħna f'idejH b'imħabba u b'fiduċja bla tarf, Hu se jkun hemm lest għalina għax Hu Missierna.

 

Din hi l-esperjenza tal-basal tagħna, esperjenza li għal kuntrarju tal-basal li meta tieklu jħalli togħma ħarra, din l-esperjenza ħalliet togħma ħelwa. Kellna l-opportunità li flimkien bħala komunità nagħmlu esperjenza ta' Alla.  Għalija kienet okkażjoni tajba biex nitwaħħad aktar ma' Missieri li hu fis-smewwiet u biex nagħraf napprezza l-komunità ta' madwari.  Nixtieq ħafna li żgħażagħ oħra bħali jagħmlu din l-esperjneza ħa jkunu jistgħu iduqu u jaraw kemm hu tajjeb il-Mulej.